Bijografija
Jerzy Buzek.

Jerzy Buzek, twieled fit-3 ta' Lulju 1940 fi Śmiłowice (Reġjun tas-Silesia) fil-Polonja.

Prim Ministru tal-Polonja u Membru tal-Parlament Pollakk (Sejm) fis-snin 1997-2001. Mexxa lill-Polonja biex issir parti mill-istrutturi tan-NATO fl-1999. Beda n-negozjati ta' adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fl-1997. Waqqaf il-"Fondazzjoni għall-Familja" fl-1998 u l-Istitut tas-Soċjetà Ċivili Pro Publico Bono fl-2002. Membru tat-Trade Union Indipendenti u Awtornoma "Solidarność" mill-1980, u Chairman tal-1el Kungress Nazzjonali tad-Delegati ta' "Solidarność" fl-1981. Ħa sehem fl-istrutturi sigrieti reġjonali u nazzjonali tal-Unjoni. Ippresieda r-4ba, il-5es u s-6tt Konvenzjoni ta' "Solidarność" wara l-1989. Kap tal-grupp ta' ħidma ekonomiku tal-Azzjoni Elettorali ta' Solidarjetà (AWS) qabel l-elezzjonijiet tal-1997.

Professur: Studja fl-Università Teknika tas-Silesia, fil-Fakultà tal-Inġinerija tal-Enerġija. Fis-snin 1971-1972 - ingħata grant għar-riċerka fl-Università ta' Cambridge fir-Renju Unit. Awtur ta' madwar 200 dokument ta' riċerka u ta' brevetti. Lekċerer fl-Universitajiet Tekniċi ta' Silesia u Opole. Membru ta' diversi soċjetajiet akkademiċi u tekniċi. Direttur tax-Xjenzi tal-Akkademja Pollakka tax-Xjenzi (PAN) fi Gliwice sal-1997. Rappreżentant tal-Polonja fl-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija għall-programm ta' riċerka dwar il-gassijiet b'effett ta' serra fis-snin 1992-1997. Kofundatur fl-1997 tan-Netwerk Xjentifiku Pollakk-Ġermaniż għall-Enerġija u l-Ħarsien tal-Ambjent INCREASE. Fundatur tal-Konsorzju għall-Ħarsien tal-Atmosfera f'Silesia fl-1994. Mill-2002 sal-2004 kien Viċi Rettur tal-Università Polonia fi Częstochowa u waqqaf l-Iskola tad-Diplomazija Polonia. Ingħata dottorat honoris causa mill-Universitajiet ta' Dortmund, Seoul u Isparta kif ukoll mill-Universitajiet Tekniċi ta' Opole u Silesia.

Membru tal-Parlament Ewropew mill-2004, elett bl-aqwa riżultat fil-Polonja. Viċi President tal-Forum Ewropew tal-Enerġija mill-2004. Ir-Rapporteur għas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni kif ukoll għall-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġiji tal-Enerġija. Irrappreżenta lill-Parlament Ewropew matul l-elezzjonijiet tal-2004 fl-Ukraina u appoġġja r-Rivoluzzjoni Oranġjo. Ingħata t-titolu ta' "MPE tas-Sena għall-2006 fil-kategorija tat-teknoloġija u r-riċerka xjentifika" mir-rivista "The Parliament Magazine". Rebaħ il-premju "Faħam Abjad 2006" li jingħata mill-Inġiniera Pollakki. Fl-2007 rċieva statwetta ta' ħamiema mingħand il-President Pöttering fl-okkażjoni tas-60in anniversarju tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem. Skont il-klassifikazzjoni ta' Wprost u Rzeczpospolita (2008) intgħażel bħala l-aqwa MPE Pollakk.

Kumitati fil-Parlament Ewropew : Industrija, Riċerka u Enerġija kif ukoll Ambjent, Saħħa Pubblika u Sikurezza tal-Ikel.

Delegazzjonijiet fil-Parlament Ewropew : Il-Kumitat ta' Koperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina kif ukoll id-Delegazzjoni għal relazzjonijiet mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ażja u mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Ażja (ASEAN).